Il-Gozo Channel kienet taf bl-azzjonijiet industrijali – Ministeru

Il-vapur tal-Gozo Channel jidher li mhux qed jaħdem kif skedat minħabba li skont il-UĦM – Voice of the Workers ġew ordnati direttivi fil-konfront tal-ħaddiem tal-kuntrattur. Intant, sorsi minn fuq il-post qalu li dan huwa strajk. Kelliem għall-Ministeru kkonferma li l-kumpanija Gozo Channel kienet ilha mgħarrfa bid-direttiva minn tard ilbieraħ filgħaxija.

Ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-UĦM – Voice of the Workers spjega li wara li l-unjin baqgħet mingħajr il-laqgħa li kellha ssir biex jintlaħaq ftehim, ordnat fis-seħħ numru ta’ direttivi.

Aron Buttigieg

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li l-vapur li jaħdem kull nhar ta’ Tnejn fis-7am għal xi raġuni ma sarx. Spjegaw li b’konsegwenza ta’ dan l-Għawdxin li jaħdmu Malta kollha se jispiċċaw jaslu tard għax-xogħol jew għall-iskola. Jidher li l-vapur tas-7.30am ma telaqx ukoll.

Fost dawk li qed jistennew hemm ħaddiema u studenti li għamlu kuntatt ma’ Newsbook.com.mt u spjegaw li jidher li l-vapur minn Malta għal Għawdex qed jaħdem b’mod normali.

Il-kelliem għall-UĦM – Voice of the Workers spjega li l-laqgħa bejn l-Unjin, il-kuntrattur u l-Gozo Channel kellha ssir fil-5 ta’ Ottubru, iżda din ġiet ikkanċellata. Intant, sar sforz biex tinstab data oħra, madanakollu spjega li kien hemm nuqqas ta’ qbil. L-Unjin insistiet li lbieraħ kien l-aħħar ċans li tittieħed deċiżjoni, u hekk kif ma ttiħditx ordnat id-direttivi biex jidħlu fis-seħħ illum.

Id-direttivi daħlu fis-seħħ hekk kif il-ħaddiema tal-kuntrattur li jagħmlu l-istess xogħol identiku għal dak li jagħmlu l-ħaddiema tal-Gozo Channel għandhom paga inqas u kundizzjonijiet differenti. Il-kelliem għall-UĦM –Voice of the Workers spjega li minħabba li l-laqgħa ma saritx il-Cabin Attendants qed jintalbu ma jnaddfux it-toilets ta’ fuq il-vapur. Min-naħa l-oħra, il-baħrin qed jintalbu biex ma jorbtux il-vapur mal-moll u lanqas ma jinżlu fil-garaxx.

Meta mistoqsi jekk hux veru li ġie ordnat strajk tat-tip “go slow”, il-kelliem għall-UĦM – Voice of the Workers sostna li dan mhxu minnu. Spjega li l-unika raġuni għaliex kien hemm ittardjar fil-vapuri kien għaliex inzerta li propju llum kien hemm il-maġġornaza tal-ħaddiema li kienu tal-kuntrattur.

Intant, sorsi minn fuq il-post ikkonfermaw li semgħu ħaddiema jgħidu li ġew ordnati jsegwu strajk tat-tip “go slow” li jfisser li meta vapur jgħabbi l-karozzi ma jgħabbix fuq ir-rampi. Sorsi minn fuq il-post spjegaw li wara li nqabżu żewġ vapuri telaq mill-Imġarr vapur wieħed mingħajr ma għabba karozzi fuq ir-rampi.

Il-kelliem għall-UĦM – Voice of the Workers sostna li l-Unjin lesta tikkanċella l-pjanijiet tagħha kollha għal għada jekk tittieħed deċiżjoni li l-laqgħa ssir għada.

Newsbook.com.mt pprova jagħmel kuntatt maċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina, iżda malli poġġejna l-mistoqsija dwar jekk hux vera li hemm strajk inqatgħet il-linja. Ippruvajna nagħmlu kuntatt għat-tieni darba madanakollu t-telefonata tagħna mhix qed tiġi mwieġba. Din mhix l-ewwel darba li ċ-ċermen irreaġixxa bl-istess mod għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt.

Intant, kelliem għall-Ministeru għal Għawdex ikkuntattja lil Newsbook.com.mt u spjega li l-kumpanija tal-Gozo Channel kienet ilha infurmata dwar l-azzjoni industrijali minn tard ilbieraħ filgħaxija. Spjega li minkejja li dalgħodu rriżulta xi dewmien għal xi ħin, is-sitwazzjoni tinsab lura għan-normal. Qal ukoll li bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn il-kumpanjina u l-UĦM.