Kaos fil-Parlament; battibekk bejn l-Ispeaker u l-Kap tal-Oppożizzjoni

Battibekk bejn l-ispeaker Anġlu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħoloq mumenti ta’ tensjoni u kaos fil-Parlament, illum waranofsinhar.

Kif saret prassi tal-Kap tal-Oppożizzjoni wara tmiem il-mistoqsijiet parlamentari, Delia staqsa għal stqarrija ministerjali wara li siltiet mir-rapport tal-Kummissjoni Venezja kienu ppubblikati fil-gazzetti tal-Ħadd li għadda, kif ukoll rapporti mill-Qorti dwar id-deputat Mexxej Laburista Chris Cardona.

L-Ispeaker intervenja u widdeb lill-Kap tal-PN li kien “out of order” peress li l-ħinijiet tal-mistoqsijiet kienu għaddew. Tenna li Delia ma kienx talab għal stqarrija ministerjali iżda kien staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis kellux informazzjoni. Fost batibekk bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, Delia kkjarifika li kien qed jitlob stqarrija kif ukoll staqsa jekk il-Gvern kellux stqarrija x’jagħmel dwar it-tneħħija tal-istat ta’ emerġenza pubblika.

Intervenja l-Whip Labursita Glenn Bedingfield iżda l-Ispeaker Anġlu Farrugia ma tahx il-kelma. Fl-aħħar ma ngħatat l-ebda stqarrija ministerjali.