Kaos f’Heathrow… titjira tal-Air Malta b’dewmien

Ma jidhirx li passiġġiera tal-Air Malta minn u lejn Heathrow ġew affettwati minn kaos sħiħ li nqala’ fl-ajruport ta’ Heathrow, iżda t-titjira ta’ dalgħodu lejn Heathrow ġiet affettwata minn dewmien ta’ siegħa u għaxar minuti.
Problema teknika fl-ajruport ta’ Heathrow waslet biex mijiet ta’ passiġġiera jibqgħu jistennew il-bagalji tagħhom qabel isiefru jew mal-wasla tagħhom fl-ajruport.
Kelliem għall-Air Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Air Malta ingħatat slot oħra u għalhekk it-titjira KM 100 li kellha titlaq fit-7:50am kellha tittardja b’siegħa u għaxar minuti.
Jirriżulta li ħsara teknika f’kompjuter ewlieni waslet biex matul il-lejl li għadda ħolqot kaos sħiħ b’titjiriet li anke damu ma ħallew l-akbar ajruport fir-Renju Unit.
Ajruplani li kienu għadhom kemm għamlu l-inżul tagħhom lanqas setgħu jipparkjaw biex iħottu minħabba li ajruplani oħra kienu affettwati minn dewmien.
Bħal lum il-Ħadd, l-Air Malta topera żewġ titjiriet minn u lejn Heathrow f'Londra, waħda tħalli Malta kmieni filgħodu u oħra li titlaq minn Malta wara nofsinhar u tasal lura kmieni t-Tnejn filgħodu.
Hu rrappurtat li mijiet ta’ passiġġieri tal-British Airways waslu fid-destinazzjoni tagħhom mingħajr bagalji.