Kanzunetta t’awtur Malti se tirrapreżenta lir-Russja fil-Festival Ewroviżiv

Din is-sena fil-Festival Ewroviżiv ir-Russja se tikkompeti bil-kanzunetta Shine li fost l-awturi tagħha għandha lill-Malti Gerard James Borg.  Ma' Borg ħadmu ukoll John Ballard u Ralph Charlie. Il-mużika tal-kanzunetta nkitbet minn Philip Kirkorov u Dimitris Kontopoulous. Il-kanzunetta se titkanta minn Tolmachevy Twins li rebħu l-Festival Ewroviżiv tat-tfal fis-sena 2006.
 
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt kif ġietu l-opportunita li jikteb il-kanzunetta Borg qal li kien jaf lil wieħed mill-kompożituri li stiednu biex jaħdmu fuq dan il-progett. Qal li jinsab kuntent ħafna. Qal li din ta' llejla hija waħda minn sensiela ta' aħbarijiet pożittivi li jagħmlulu kuraġġ u japprezzaw ix-xogħol tiegħu.
 
Ta' min jgħid li Borg hu l-istess awtur li kanzunetta li kiteb din is-sena kisbet it-tieni post u għal ftit ma rrapreżentatx lill-Iżlanda. L-istess ġara fil-każ tal-kanzunetta Ma Liberte li kiteb ma' Philip Vella u Shawn Vella u li ukoll għamlitha mal-aħħar tliet finalisti fi Franza.
 
Il-kanzunetta Shine li se tirrapreżenta lir-Russja ngħażlet internament mill-organizzaturi tal-festival. Din hija t-tieni darba li apparti l-kanzunetta Maltija, element Malti se jirrapreżenta pajjiż ieħor.  Fl-2006 il-grupp six4one li rrapreżenta lill-Iżvizzera kellu lill-Malti Keith Camilleri bħala wieħed mill-kantanti tal-grupp.