Kanzunetta spiritwali minn The Busker

Il-grupp muzikali The Busker qegħdin jaħdmu biex ivaraw l-aħħar single mill-album tagħhom Ladies and Gentlemen, li f’Ottubru li għadda ingħata rikonoxximent bħala l-aħjar album tas-sena fil-Lovin Music Awards.

Is-single li ġġib l-isem ta’ Miles Away ha tkun l-ewwel tnedija għas-sena 2020 u għandna nistennewha fl-14 ta’ Frar.

Miles Away hija kanzunetta spiritwali li ġġib l-ispirazzjoni tagħha mill-ikona George Harrison. Il-lirika titratta fuq it-teorija ta’ Platun fejn jgħid li kull ruħ li kien hawn fuq id-dinja darba ġiet maqsuma fit-tnejn. Hu jirrakonta kif l-għan fil-ħajja ta’ kull persuna hu li jsib in-nofs l-ieħor tar-ruħ tiegħu u b’hekk isiru ħaga waħda.

The Busker xtaqu li għal vidjow ta’ din id-diska jesploraw territorju ġdid u b’hekk ikkollaboraw mad-direttrici Francesca Mercieca biex jagħmlu esperjenza ċinimatografika. Mercieca kienet ukoll il-moħħ h wara l-istorja u d-diżinn tal-produzzjoni.

Fil-vidjow naraw l-istorja tal-protagonista Edith li qegħda tmur kuljum fuq vapur b‘missjoni biex tgħaqqad il-memorji li għandha mifruxin. Andrew li jaħdem fuq l-istess vapur jidher bniedem konfuz pero b’xi mod hu wkoll qed jirnexxielu jiskopri affarjiet li ma kienx jaf qabel biex jgħaqqad l-istorja tiegħu.

Din il-kollaborazzjoni kontemporanja hija produzzjoni indipendenti li tinkludi l-atturi Christine u Joseph Debono kif ukoll Natalia Galea u Benoit Bartolo.

Segwi l-istorja ta‘ dan is-short film fuq is-sit tal-grupp muzikali.