Kanzunetta finalista tal-Eurovision tista’ tiġi skwalifikata – Wiwibloggs

Waħda mill-kanzunetti finalisti għall-Malta Eurovision Song Contest 2018 qajmet kontroversja sħiħa wara li ħafna qabluha ma’ kanzunetta ta’ Justin Bieber.
Wiwibloggs, sit li jipprovdi aħbarijiet dwar il-Eurovision, jistaqsi jekk il-kanzunetta Dai Laga tal-kantant Aidan Cassar, tistax tiġi skwalifikata.
Dan is-sit wissa li din il-kanzunetta tista’ titqies mhux oriġinali u anke tikser ir-regoli tal-Eurovision Song Contest.
 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=uh2t85pFoyM]

Wiwibloggs jgħid li minn fuq is-sit BeatStars, l-artisti jistgħu jniżżlu t-track bl-isem ta’ “(Justin Bieber, Major lazer type)” Come Alive Prod By Lttb” u jużawha fil-kompożizzjonijiet tagħhom.
“Jekk tismaha, hija simili ħafna għall-backing track ta’ Dai Laga,” jgħid wiwibloggs għalkemm jispjega li hemm ukoll xi differenzi.

 

Apparti l-mistoqsijiet fuq l-oriġinalità, skont dan is-sit, il-kanzunetta Dai Laga jista’ jkun qed tikser regola importanti. Il-Eurovision Song Contest jisħaq li l-kanzunetti li jieħdu sehem ma jistgħux ikunu ġew kummerċjalment varati qabel l-1 ta’ Settembru 2017.
Lura għas-sit Beatstars, il-backing track kienet imtella’ fit-18 ta’ Settembru tal-2016 u ppubblikata fuq YouTube fl-14 ta’ Awwissu tal-istess sena.
Minkejja dan is-sit mhux ċert jekk din ir-regola tapplikax għall-kanzunetta sħiħa jew inkella għal komponenti fiha.
Fuq YouTube, il-kanzunetta ta’ Aidan Cassar semgħuha aktar minn 23,000 persuna.