Kantina restawrata f’sala għall-wiri ta’ xogħlijiet tal-arti

Dik li kienet kantina mitluqa fejn kienet tinżamm l-evidenza antika tal-Qrati, illum inbidlet f’sala ġdida għall-esebizzjoni tal-arti. Dan hekk kif proġett ta’ restawr fl-iskola tal-arti fil-Belt Valletta wassal biex il-livell sotterran ta’ dan il-palazz illum qed jintuża biex jilqa’ fih opri tal-arti ta’ 600 student li jattendu din l-iskola bħala parti mill-korsijiet għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Dan meta fl-2008, din l-iskola kienet tilqa’ fiha 380 student.

Meta kienet qed tinawgura dan l-ispazju ta’ wirt storiku u kulturali, wara sena ħidma ta’ restawr u tindif, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina qalet li l-Gvern jibqa’ impenjat li jgħin fl-iżvilupp tas-settur artistiku. Dan qalet li jidher mit-twaqqif tal-MCAST, li llum qed joffri għadd ta’ korsijiet fis-settur tal-arti u d-disinn.

Cristina żiedet li dan l-impenn tal-Gvern wassal biex mill-2010 sal-lum, jibdew jingħataw boroż ta’ studju fl-arti. Kull sena qalet li qed isir investiment t’iktar minn 200,000 ewro f’dawn il-boroż ta’ studju. Il-Ministru Crisitna ħadet l-okkażjoni biex ħabbret il-ftuħ tal-applikazzjonijiet għall-boroż ta’ studju ta’ din is-sena li fissret li jolqtu firxa wiesgħa ta’ suġġetti, fosthom l-arkitettura, ir-restawr, it-teatru, il-mużika u l-użu artistiku tal-kompjuter.

L-applikazzjoni għall-boroż ta’ studju ta’ din is-sena intqal li se jibqgħu miftuħin sat-30 t’April f’nofsinhar u wieħed jista’ japplika għalihom permezz tas-sit uffiċjali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.