Kantanti tfal Maltin f’festival fil-Latvja

Il-kantanti Maltin fil-Latvja, flimkien ma' Erika Said

Grupp ta’ kantanti tfal Maltin fl-aħħar ġranet kienu qed jieħdu sehem fil-konkors Riga Symphony li ttella’ f’Riga, fil-Latvja. Ilbieraħ, is-Sibt 14 ta’ Diċembru ħarġu r-riżultati tal-kompetizzjoni ta’ din is-sena. Għal din l-edizzjoni kien hemm 178 parteċipant minn 25 pajjiż differenti.

Fl-ewwel kategorija, dik ta’ bejn il-5 u s-7 snin, Amy Jones kklassifikat fl-ewwel post bil-kanzunetta Somewhere over the Rainbow, filwaqt li Ilona Mercieca ġiet fit-tielet post bil-kanzunetta Maybe.

Fit-tieni kategorija, dik ta’ bejn it-8 u l-11-il sena, Kayleen Mercieca ġiet fit-tielet post bil-kanzunetta Undo, filwaqt li Mariah Afius ukoll kisbet it-tielet pożizzjoni, iżda bil-kanzunetta Shallow.

F’din il-kategorija ħadet sehem ukoll Chanel Monseigneur li kisbet l-ewwel post u nominazzjoni għall-Grand Prix. Hi ġiet mal-aqwa ħamsa minn fost il-kantanti kollha f’dan il-festival.

It-tielet kategorija kienet dik bejn it-12 u l-14-il sena. Fiha ħa sehem Joseph Vassallo li kiseb it-tielet post bil-kanzunetta Someone You Loved.

Fir-raba’ kategorija, miftuħa għal kantanti bejn il-15 u 17-il sena nsibu lil Shirley Tabone li spiċċat fit-tielet post bil-kanzunetta Ex’s and Oh’s.

Matul il-ġranet li damu fil-Latvja, il-kantanti Maltin ġew mistiedna wkoll fuq programmi tar-radju ta’ hemmhekk.

Il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-kantanti tfal f’dan il-konkors kienet possibbli għal Erika Said f’isem Erseb Productions. Said kienet ukoll tifforma parti mill-ġurija waqt dan il-konkors.