Kantanti fiż-Żejtun, kitarrist f’Għajnsielem

Waqt li kitarrist magħruf Taljan se jagħmel kunċert f’Għajnsielem, kantanti u għannejja se jferħu lin-nies taż-Żejtun.

Għada mis-7:30pm ‘il quddiem fi Ġnien l-Għannejja Żwieten fiż-Żejtun se ssir serata mużiko-letterarja fl-okkażjoni ta’ Jum l-Eroj Żwieten.

Is-serata qed tiġi organizzata mill-għaqda volontarja Żejtun Organisation to Empower You flimkien mal-Kunsill Lokali biex jagħtu ġieħ lil diversi personalitajiet Żwieten li taw sehem għal din il-lokalità f’diversi okkażjonijiet, fosthom fl-aħħar ħbit mit-Torok fis-6 ta’ Lulju, 1614.

Bosta kantanti lokali, diversi skejjel taż-żfin, letteratura, rexti u għana se jieħdu sehem. Se tittella’ kompetizzjoni tal-inbid għall-għassara.

Kitarrist Taljan b’wirja f’Għajnsielem

Il-kitarrist Taljan Fabio Barbagallo se jagħmel kunċert għall-okkażjoni tal-għeluq tas-sena artistika ta’ The Gaulitanus Choir.

Il-kunċert se jsir il-Ġimgħa 13 ta’ Lulju fit-8pm fil-kappella Medjevali ta’ Santa Ċeċilja f’Għajnsielem.

Barbagallo huwa fost l-aktar kitarristi Taljani attivi fix-xena internazzjonali. Huwa wera t-talent tiegħu f’bosta postijiet madwar id-dinja. It-Taljan huwa wkoll kompożitur kif ukoll il-fundatur u l-mexxej artistiku ta’ Solarino International Guitar Festival.

Il-programm se jinkludi xogħlijiet Rinaxximentali, Barokk, Romantiku kif ukoll mużika Jazz kontemporanja.