Kantant Malti jintgħażel għal spettaklu għall-karità f’Verona

Aiden Aquilina Cohen ma' Claudia Magrin

Il-kantant Aiden Aquilina Cohen intagħżel biex is-sena d-dieħla jkun mistieden ikanta fl-ispettaklu għall-karità Premio Beatrice li jsir ta’ kull sena f’Verona. Dan il-palk prestiġġjuż f’Verona f’dawn l-aħħar snin ra ismijiet importanti fix-xena Taljana bħal Povia, Matia Bazar, Simona Molinari, Einar, Ortiz u Carmen Ferreri minn Amici, Claudio Lauretta minn Colorado Cafè, AmarauFrancesco Tricarico.

Aiden qed jingħata ċ-ċans li jieħu sehem f’dan l-avveniment wara li ftit tal-ġranet ilu rebaħ l-ogħla premju fil-kategorija tiegħu u rnexxielu jiġi fl-ewwel post fil-kategorija Mini Next Generation Canto waqt il-festival Next Generation li sar f’Gardaland.

Għal dan il-festival kien hemm 1,832 parteċipant u s-6 kantanti Maltin li kien hemm kienu fost il-54 li waslu sal-finali.

Dan il-festival se jixxandar fi żmien li ġej fuq Canale Italia.

Il-ġurija professjonali li għażlet ir-rebbieħa fis-serata finali kienet tinkludi ismijiet magħrufa fil-qasam tal-mużika taljana, fosthom awturi, kantanti, rappreżentanti ta’ ażjendi li jipproduċu d-diski, għalliema professjonali tal-kant u professjonisti oħrajn fid-dinja tal-ispettaklu mużikali televiżiv.

Aiden Aquilina Cohen u Francesca Borg irnexxielhom jimpressjonaw lill-bord tal-ġurija bi prestazzjonijiet impekkabbli ta’ “You Let Me Walk Alone” u “Rise up” rispettivament. filwaqt li Francesca ġiet mogħtija il-“Premio Critica” – premju prestiġġjuż fil-qasam tal-ispettaklu. L-istudenti l-oħrajn ta’ The Voice Lab – Malta li ħadu sehem fis-serata finali ta’ Next Generation kienu: Timea Farr, Bradley Debono , Maya Cauchi u Elisa Andrea Muscat.

Christina Magrin kienet mistiedna speċjali fis-serata finali, ma’ numru ta’ professjonisti oħra fil-qasam tal-mużika taljana, fosthom Moreno Donadoni, ir-rapper Taljan u rebbieħ tat-12-il edizzjoni tax-xow popolari Amici.

Il-parteċipazzjoni tal-Maltin f’dan il-festival kienet possibbli għal The Voice Lab, taħt it-tmexxija ta’ Claudia Magrin.