Kantant famuż fil-Ġermanja jammetti li ffroda diversi anzjani

Kantant mill-iktar popolari fil-Ġermanja, li għadu kif rebaħ l-edizzjoni Ġermaniża ta’ konkors televiżiv għall-kant, ammetta li kien involut fi frodi ta’ €19,000 fuq anzjani nisa.
Severino Seeger, li għadu kemm rebaħ €500,000 fuq programm televiżiv ix-xahar li għadda, ammetta li hu u ħbieb tiegħu kienu jmorru jħabbtu l-bibien ta’ anzjani, l-iktar nisa, jgħidulhom li taparsi kienu impjegati tal-bank u li l-card tal-kont tagħhom kellha l-ħsara.
B’hekk jitolbuhom ituhom il-card u n-numru biex jaċċessaawha u jisirqulhom il-flus.
L-iktar vittma anzjana kienet mara ta’ 88 sena.
Il-kantant qal li dak li għamel, għamlu għax ħalla lil min jinfluwenzah f’mument diffiċli f’ħajtu meta kien għadu kif infired minn ma' martu, u li jiddispjaċih. Qal ukoll li ried iħallas lura kull ċenteżmu.
Il-verdett tal-Qorti mistenni l-ġimgħa d-dieħla.