Kannabis mediċinali sar aċċessibbli mill-ispiżeriji – Deo Debattista

DOI - Kevin Abela

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur Deo Debattista qal li prodotti tal-kannabis mediċinali saru aċċessibbli mill-ispiżeriji lokali.

Fi stqarrija, is-Segretarjati Parlamentari għas-Servizzi Finianzjarji u dak tal-Konsumatur qal li Debattista qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mas-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri. Tkellmu dwar numru ta’ miżuri tal-Baġit tas-sena l-oħra li ġew implimentati.

Debattista tkellem dwar il-valur tal-innovazzjoni u tar-riċerka fl-inizjattivi li l-Awtorità dwar il-Mediċini “qed twettaq b’suċċess”. Fost il-miżuri implimentati semma l-iżviluppi dwar il-kannabis għal skopijiet mediċinali.

Silvio Schembri tkellem dwar il-miżuri li ġew implimentati li saħħew l-irwol tar-regolatur finanzjarju kif ukoll l-awtonomija u l-indipendenza.

“Fost il-bidliet notevoli huma l-fatt li neħħejt il-poteri li ngħataw lili bil-liġi sabiex niddeċiedi dwar il-finanzi li hemm bżonn biex tkun tista’ titmexxa l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Illum din hija xi ħaġa li tiġi deċiża mill-bord tal-gvernaturi mbagħad titressaq għal diskussjoni quddiem il-kumitat parlamentari magħmul minn membri taż-żewġ naħat tal-Kamra. Bidla oħra importanti hija li l-MFSA tneħħiet minn dik li tissejjaħ Direttiva 7 fejn għandu x’jaqsam reklutaġġ tant li issa dan qed ikun deċiż totalment mill-istess awtorità dwar meta, kif u lil min timpjega”.

Silvio Schembri żied jgħid li saru bosta sforzi sabiex ikunu esplorati niċeċ ekonomiċi ġodda.

“Wara li daħlu fis-seħħ liġijiet dwar DLT u Blockchain, l-attenzjoni daret lejn l-Intelliġenza Artifiċjali – dwar liem suġġett se tkun qed titnieda strateġija nazzjonali dalwaqt. Aktar minn hekk, nedejna l-viżjoni tagħna għall-eSports u l-iżvilupp tal-logħob diġitali li qed timmira li tara li din l-industrija tikber b’1% tal-Prodott Gross Domestiku filwaqt li jinħolqu 3000 impjieg ġdid,” qal Schembri.