Kannabis Mediċinali: “Is-suq qed jiċċaqlaq” – Il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-suq tal-kannabis għall-użu mediċinali “qed jiċċaqlaq” u ma jeskludix li qed jiċċaqlaq minħabba li Malta bdiet tiddiskuti li tidħol f’din l-industrija.
Sostna li dan huwa l-futur li qed jiġri madwar Malta u wasal iż-żmien li Malta tagħżel jekk għandhiex taħtaf l-opportunità fis-suq biex tibda tipproduċi u tqassam lill-pajjiżi differenti.

Dwar dak li qal il-kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech dwar is-suq fl-Italja, il-Prim Ministru qal li għalkemm fil-bidu, veru li kien il-militar biss li kien jopera dan is-settur, iżda qal li fl-aħħar jiem, il-Gvern Taljan beda bil-liberalizzazzjoni tas-settur tal-kannabis għall-użu mediċinali. Saħaq li dan kien irrappurtat fuq is-sit tal-aħbarijiet Reuters.
Dwar is-sigurtà, il-Prim Ministru qal li l-istess sistemi użati mill-kumpaniji tal-istampar tal-flus tgħodd ukoll għall-kumpaniji li jipproduċu mediċini mis-sustanza tal-kannabis.
L-istess suġġett kien imqajjem mid-deputat Nazzjonalista Claudio Grech fejn saħaq li l-Oppożizzjoni qed tappella li jkun hemm is-superviżjoni tal-Ministeru għas-Saħħa u jkun hemm ukoll l-involviment tal-Pulizija għas-sigurtà tal-faċilitajiet u kif is-sustanzi se jidħlu u joħorġu mill-faċilitajiet rispettivi.
Qal li l-Gvern fired it-tipjip tal-kannabis minn mal-kannabis għall-użu mediku. Dwar it-tipjip, il-Prim Ministru qal li l-Gvern għandu mandat biex jiddiskuti d-dekriminalizzazzjoni għat-tipjip ta’ joint.
Spjega f’liema forma hija aċċessibbli din il-mediċina fosthom fil-forma ta’ gums jew taqtir ta’ likwidu.
Qal li se jkunu t-tobba u x-xjentisti li jiddeċiedu dwar it-tipi ta’ mediċini li jistgħu jsiru f’Malta wara li hu diġà permessibbli li jkun hemm l-importazzjoni ta’ mediċini b’sustanza tal-kannabis.
“Is-saħħa tal-pazjent għandha tiġi mħarsa” – Stephen Spiteri

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri tkellem ukoll fid-dibattitu u qal li s-saħħa tal-pazjenti li jużaw din il-mediċina għandha tiġi mħarsa.
Bħad-deputat Claudio Grech, Stephen Spiteri qal li jrid jiġi assigurat li f’Malta nevitaw li jkun hawn l-użu tal-kannabis b’mod rikreattiv. Spiteri qal li bħala tabib iħossu fid-dmir li juri l-effetti tal-użu tal-kannabis b’mod ħażin. Spjega li hemm riskju aktar għoli ta’ kanċer fil-pulmun meta wieħed ipejjep il-ħaxixa.
Qal ukoll li għandu jkun hemm aktar assigurazzjoni fuq l-effetti ta’ din l-industrija u għalhekk staqsa jekk hux se jkun hemm impjiegi ta’ kwalità għall-gradwati Maltin fil-qasam farmaċewtiku.
Dwar eżempji ta’ pajjiżi oħra, Spiteri qal li Gvernijiet oħra bbażaw il-politika u l-liġijiet tagħhom fuq swieq kbar u għalhekk Malta għandha tassigura li l-industrija tkun kompetittiva.
Il-Parlament qed jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għall-użu Mediċinali.