Kannabis: L-abbozz imsaħħaħ biex jeskludi l-użu rikreattiv – Deo Debattista

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l-abbozz ta’ liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali se jitjieb biex jidħlu fis-seħħ assigurazzjonijiet biex tkun speċifikata li l-produzzjoni tkun biss mediċinali u għar-riċerka.
Fl-intervent tiegħu fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi, hu qal li filwaqt li wħud qed jitkellmu fuq fabbrika tad-droga, din timplika użu illegali ta’ sustanza medika. Spjega li kull mediċina li teżisti tista’ titqies bħala droga, anki l-paracetamol, jekk ma teħux id-doża rakkomandata mit-tabib.
“Jekk tieħu doża eċċessiva ta’ paracetamol, tagħmillek ħsara fil-fwied b’mod irriversibbli. Overdose ta’ paracetamol hi aktar perikoluża minn overdose ta’ cannabinoids”, hu spjega.
“Inkwetanti li l-PM diġà wera li hu favur kannabis rikreattiva” – Stellini
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista David Stellini qal li hu inkwetanti l-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat diġà ddikjara li hu favur l-użu tal-kannabis rikreattiv f’Malta qabel ma sar dibattitu fil-Parlament. Huwa tenna jgħid li l-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali hija l-bidu għar-regolarizazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv.
Stellini spjega li l-kannabis rikreattiva u mediċinali jużaw l-istess linja ta’ distribuzzjoni. Hu saħaq li l-liġi għandha tiċċara li l-faċilitajiet tal-kultivazzjonijiet tal-kannabis għandhom jintużaw biss għall-produzzjoni medika.
“L-għan hu ekonomiku u mhux mediċinali” – Buttigieg
Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttiġieġ saħqet li jidher ċar mill-fatt li d-dibattitu qed jitmexxa mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li l-għan aħħari ta’ din il-liġi hu wieħed ekonomiku u mhux mediċinali. Hija qalet li l-fatt li l-Gvern diġà ħareġ letters of intent juri li diġà kollox ippjanat u lest qabel, u allura d-dibattitu qed isir għalxejn.
Fuq dan il-punt intervjena l-Ministru Cardona li spjega li filwaqt li hu possibbli li joħroġ letter of intent f’oqsma mhux regolarizzati, dawn iridu jkunu regolati sakemm jiġi ffirmat il-kuntratt mal-operatur.
Iżda Buttigieg kompliet tgħid li l-liġi hija vaga wkoll fil-kwistjoni tat-trasferiment tal-liċenzja, fejn kumpanija tispiċċa ddaħħal kumpanija oħra magħha fil-pajjiż bla ebda kontroll min-naħa tal-Gvern.
“Il-liġi qed tiddaħħal bl-għaġla” – Cutajar
Il-whip Nazzjonalista Robert Cutajar qal li din il-liġi qed tiddaħħal b’ċertu għaġla fejn il-Prim Ministru diġa esprima ruħu favur minn qabel. Huwa qal li l-Gvern għandu jispeċifika li għandu jsir due diligence tal-investituri u jitlob garanziji dwar l-użu tal-art.
“Malta mhix l-ewwel pajjiż…” – Zammit Lewis
Id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li Malta mhux se tkun l-ewwel pajjiż li ser jirregola dan is-settur hekk kif kemm l-Awstralja kif ukoll il-Kanada diġa għandhom liġijiet simili. Huwa qal li l-Gvern kif għamel fil-qasam tal-gaming u l-istampar tal-flus barranin, se jkun qed jagħmel skrutinju qawwi fuq l-operaturi.