Kannabis flok popcorn fil-posta

Uffiċjali tad-dwana sabu nofs kilo kannabis f’pakkett li kien iddikjarat li fih erba’ kotba u pakkett popcorn.

Hekk instema’ fil-Qorti llum, fejn l-Ispettur li xehed għall-każ qal li l-uffiċjali qalulu “ħadd ma jordna popcorn mill-Amerka”, u għalhekk fetħu l-pakkett. L-uffiċjali sabu tliet kotba u pakkett imgeżwer fil-fidda hekk kif fetħu l-pakkett, u fil-fidda sabu 500 gramma kannabis.

Biex isiru jafu iktar, pulizija liebes ta’ pustier mar jieħu l-pakkett, li kien indirizzat għal raġel. Il-bieb tad-dar fetħitu mara, li għalkemm l-isem tar-raġel ma deherx li għarfitu mill-ewwel, iffirmat għalih. Ftit tal-ħin wara, l-istess pulizija flimkien ma’ pulizija ieħor marru d-dar biex jagħmlu tfittxija, fejn hi saħqet li l-pakkett mhux tagħha u li fetħitu għax kienet kurjuża.

Hi ingħatat il-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €6,000. Però, trid tiffirma l-għassa ta’ San Ġiljan darbtejn fil-ġimgħa u ma toħroġx mid-dar bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u l-ħamsa u nofs ta’ filgħodu.