Kangarù tirringrazzja kuljum lil min salvaha

Il-kangarù Queen Abi ta’ kuljum tirringrazzja lil min salvaha billi ta’ kull filgħodu tgħannaq lil dawk li jieħdu ħsiebha minn mindu ġabruha meta kellha ħames xhur biss.  Queen Abi tinsab tgħix fis-santwarju għall-kangarùs ftit ’il barra mill-belt ta’ Alice Springs fl-Awstralja.

Dan is-santwarju jiġbor fih lil dawk il-kangurus, kbar u ta’ età żgħira, u jieħu ħsiebhom bl-akbar kura. Bosta mill-annimali li jiġbru jkunu dawk frieħ li ommhom tkun inqatlet minn kaċċaturi għal-laħam jew għall-ġilda tagħhom. Wara li jkunu ġew f’saħħithom xi wħud minn dawn l-annimali jintelqu fl-ambjent selvaġġ li jkunu trabbew fih.

Iżda Queen Abi qatt ma ħalliet il-post u issa ilha 13-il sena fis-santwarju. L-istorja tagħha, u l-mod kif turi l-gratitudni tagħha ta’ kull filgħodu, laqat lill-bosta nies u qajjem għarfien dwar il-kangarus li għal xi wħud huma meqjusa biss bħala ħlejjaq ta’ min joqtolhom daqslikieku kienu ta’ ħsara għall-annimali li jitrabbew għal-laħam jew għall-ħalib tagħhom bħan-nagħaġ.

Il-fundatur tas-santwarju hu Chris Brolga li waqqfu meta ntebaħ li l-eqreb ċentru għall-kura tal-annimali kien aktar minn 1,500 kilometri ’l bogħod. Is-santwarju hu mifrux fuq medda ta’ 188 ettaru ta’ art u jilqa’ ukoll viżitaturi biex jaraw l-annimali li hemm ikkurati fih.

Il-kangarù Queen Abi  tgħallem lil xi wħud mill-bnedmin xi tfisser li tkun grat lejn min jagħmillek il-ġid.