Kandidat tal-PN jiċħad li hedded, il-PL b’talba lil Simon Busuttil

Is-segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin, u kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Ryan Mercieca, ċaħad l-akkuża ta’ theddid miġjuba kontrih, u talab biex dak li sejjaħlu “logħob politiku” jieqaf minnufih.
Mercieca sostna li ebda intimidazzjoni mhi se twaqqfu mill-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni.
Il-PL jitlob lil Simon Busuttil jikkundanna t-thedddid minn Ryan Mercieca
Sadanittant, il-Partit Laburista talab lil Kap Nazzjonalista Simon Busuttil biex iħaffef jikkundanna t-theddid mill-kandidat tiegħu.
Qal li huwa ta’ għajb fuq il-PN, li jiftaħar li qed jiġġieled il-korruzzjoni u jiddefendi nies bħal Mercieca li jridu jagħlqu ħalq il-verità, jew bħal Jason Azzopardi li hu involut fi skandlu ieħor.
Dan kollu qed idur mal-allegat theddid ta’ Ryan Mercieca fil-konfront ta’ Joseph Camilleri, li hu t-Teżorier tal-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin.
Il-Kummissarju tal-Pulizija ġie ordnat jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.
Camilleri, allegatament thedded verbalment minn Mercieca, fil-kurituri tal-Qorti wara li s-seduta kienet diġà ntemmet.
Mercieca kien fetaħ libell kontra l-aġent editur ta’ “It-Torċa”, Josef Caruana, dwar artiklu li kien allega li Mercieca ma pprovdiex id-dokumenti neċessarji biex juri li l-Assoċjazzjoni rċeviet fondi mill-UE.
Fis-seduta ntalab jixhed it-Teżorier tal-Assoċjazzjoni, li qal li qatt ma ġew f’idejh il-kopji oriġinali ta’ dawn id-dokumenti.
Ftit minuti wara li t-Teżorier ħareġ mill-awla, l-avukat tal-editur talbet lill-Maġistrat biex jerġa’ jsejjaħ lura lil kulħadd għax qalet li semgħet lil Mercieca jgħid lil Camilleri, “Issa ġejja tiegħek”.