Kandidat tal-Oppożizzjoni fit-Turkija jindirizza ‘meeting’ mill-ħabs

Kandidat tal-Partit Demokratiku tal-Poplu (HDP) fit-Turkija li jinsab il-ħabs, uża l-10 minuti li għandu dritt għal telefonata ma’ martu, biex jagħmel diskors politiku għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-24 ta’ Ġunju.
Id-diskors ta’ Selahattin Demirtaş li qed jikkontesta l-elezzjonijiet, ixxandar fuq il-midja soċjali nhar l-Erbgħa li għadda.
‘Demirtaş qiegħed kullimkien’ – hekk qalilhom lil dawk li segwew.
Imlaqqam bħala l-Obama tal-Kurdi, il-mexxej kariżmatiku qal li qed jinkiser fil-beraħ ir-rispett lejn il-liġi (is-Saltna tad-Dritt), hekk kif fi kliemu hemm ripressjoni politika fuq il-qrati kollha. Huwa lmenta li filwaqt li l-Gvern ta’ Erdoğan kompla bil-kampanja ta’ tfigħ it-tajn, huwa ma jistax jirrispondi minħabba li qiegħed il-ħabs.
Demirtaş sostna li ċ-ċittadini tal-pajjiż huma vittmi tal-inġustizzja f’kull qasam tal-ħajja. Saħaq li l-pajjiż inbidel f’ħabs miftuħ, minħabba l-prattiċi adottati mill-gvern li fi kliemu huma antidemokratiċi.
Issokta jgħid li t-Turkija ma jixraqilhiex din il-governanza ħażina. Iżda saħaq li permezz ta’ ħidma flimkien, hu possibbli li l-poplu ma jkunx maqsum skont il-partit politiku, ir-reliġjon, l-identità jew il-ġeneru.
Min hu Demirtaş?
Demirtaş ilu l-ħabs mill-2016 fuq rabtiet allegati mal-militanti Kurdi. Huwa kien arrestat u miżmum fil-ħabs, minħabba akkużi li huwa l-mexxej ta’ organizzazzjoni terrorista, li jipparteċipa fi propaganda terrorista u jinċita l-mibegħda billi jsejjaħ il-protesti. Jekk jinstab ħati, jista’ jeħel 142 sena ħabs. Ix-xahar li għadda l-qorti ma laqgħetx l-appell biex jinħeles mill-arrest sakemm tinqata’ s-sentenza.
Demirtaş, għandu 45 sena u huwa avukat tad-drittijiet tal-bniedem. Kien imexxi l-HDP ma’ Figen Yüksekdağ. Tneħħitilhom l-immunità parlamentari.  Tmien membri parlamentari u mal-4,700 membru tal-HDP jinsabu l-ħabs. 

Elezzjonijiet fit-Turkija
Fl-24 ta’ Ġunju, it-Turkija se jkollha żewġ elezzjonijiet, dik presidenzjali u dik parlamentari. Fit-8 ta’ Lulju jsiru t-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali f’każ li l-ebda kandidat ma jġib 50% tal-voti neċessarji biex ikun elett president. Ikun xi jkun ir-riżultat tal-elezzjonijiet, se tidħol fis-seħħ sistema Presidenzjali ġdida bil-poteri eżekuttivi. Din is-sistema kienet approvata f’referendum li sar f’April 2017.