Kampjonat tal-ġinnastika nhar il-Ħadd fil-Kottonera

Il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera f’Bormla fi tmiem din il-ġimgħa se tkun il-fulkru ta’ attivitajiet tal-ġinnastika organizzati minn SportMalta b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ingħad li fil-kompetizzjoni ta’ nhar il-Ħadd li ġej se jieħdu sehem ħames klabbs differenti b’total ta’ 100 ġinnasta ta’ bejn is-6 u l-20 sena. Il-kampjonat se jsir nhar il-Ħadd fit-8am.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius semma li fl-iskejjel kollha tal-istat għadu kif tqassam apparat tal-ġinnastika, li jlaħħaq is-somma ta’ €60,000 minn fondi Ewropej.  
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar ippreżenta sett ta’ tagħmir tal-ġinnastika li ntuża għall-ewwel darba fl-Inter-Schools Gymnastics Festival, li ħadu sehem fih 15-il skola differenti.
L-Akkademja tal-Ġinnastika qed toffri taħriġ speċifiku fil-ġinnastika għal grupp ta' 40 student t'etajiet differenti.