Kampjonat ta’ dibattiti għall-istudenti tal-Università

L-għaqda Non-Governattiva, Junior Chamber International Malta (JCI Malta), b’kollaborazzjoni mal-University of Malta Debating Union (MUDU), qed torganizza l-ħames edizzjoni tal-kampjonat tad-dibattiti għall-istudenti universitarji bl-isem ta’ Debate Society League.
L-għaqda qed tfittex timijiet ta’ tlieta, li jixtiequ jkollhom l-opportunità jipparteċipaw f’kompetizzjoni mimlija dibattiti amikevoli u dipplomatiċi, li se jsiru tul Marzu u April. Il-parteċipazzjoni ta’ kull tim tiswa €10.
Il-kampjonat se jibda’ b’ġurnata taħriġ li se ssir fl-10 ta’ Marzu, fejn il-parteċipanti kollha se jitgħallmu dak kollhu li għandhom bżonn sabiex jikkompetu b’mod mill-aktar effiċjenti.
Id-dibattiti se jkunu qed isiru tul is-Sibtijiet bejn l-aħħar ta’ Marzu u x-xahar ta’ April. Il-ħinijiet u d-dati jitqassmu lill-parteċipanti wara li jagħlaq il-perjodu ta’ applikazzjoni.
Ir-rebbieħa tal-kampjonat se jitnaqqxilhom isimhom fuq l-arma tad-Debate Society League, sabiex jibqgħu imfakkra.
Dawk kollha interessati jridu jimlew il-formola ta’ applikazzjoni onlajn sad-9 ta’ Marzu.
Għal aktar informazzjoni ikkuntattjaw lill-President tal-LO Debating and Public Speaking ta’ JCI Malta, Charlene Gauci fuq charlene.gauci@jci.org.mt.