Kampjonat BOV Premier: Hibs jibdew jiddefendu t-titlu kontra St.Andrews

Iċ-champions Hibernians se jibdew id-difiża tat-titlu tal-BOV Premier League għall-istaġun li ġej kontra St.Andrews.
Dan wara li dalgħodu telgħu il-poloz tal-kampjonati kollha tal-MFA għall-istaġun 2017/2018.
Il-poloz ittellgħu fit-Trophies Lounge il-ġdid fil-Millenium Stand, fl-Istadium Nazzjonali ta' Ta'Qali.
Fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat BOV Premier tispikka fost l-oħrajn il-partita bejn Birkirkara u Floriana, waqt li t-timijiet neo-promossi ta' Lija Athletic, Naxxar Lions u Senglea Athletic se jiltaqgħu kontra Gżira United, Balzan u Sliema Wanderers rispettivament.
Il-partiti l-oħra fl-ewwel ġurnata huma Tarxien Rainbows kontra Hamrun Spartans u Valletta kontra Mosta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA irringrazzja lill-Bank of Valletta għas-sostenn kontinwu li jagħti lill-Malta Football Association.