Kampijiet tas-Sajf fl-Art Imqaddsa joffru soljiev lit-tfal

Tfal jipparteċipaw f'attivitajit kreattivi u edukattivi fil-kamp tas-sajf

Numru ta’ kampijiet tas-sajf organizzati fl-Art Imqaddsa għal tfal li jgħixu hemm, qed iservu bħala soljiev mit-trauma li dawn it-tfal jgħixu kontinwament minħabba s-sitwazzjoni fiż-żona.

Il-kampjiet huma organizzat minn “Ħbieb tal-Art Imqaddsa” (FHL), li hi karità ekumenika nisranija li ilha tgħin fi proġetti u komunitajiet insara fl-Art Imqaddsa għal dawn l-aħħar 10 snin li ilha mwaqqfa.

FHL taħdem ma’ istituzzjonijiet insara f’Israel, il-Ġordan, il-Medda ta’ Gaza u x-Xatt tal-Punent filwaqt li tipprovdi għajnuna individwali ta’ emerġenza lil numru ta’ familji, permezz tal-uffiċċju li għandha f’Betlehem. Fl-aħħar għaxar snin, grazzi għall-għajnuna ta’ nsara fl-Ingilterra, l-organiżazzjoni qassmet aktar minn 4.5 miljun sterlina lil familji nsara fil-bżonn fl-Art Imqaddsa.

Matul Lulju u Awwissu meta l-iskejjel ikunu magħluqa għall-vaganzi tas-Sajf, ikunu organizzati kampjiet tas-sajf għal tfal minn diversi parroċċi fl-Art Imqaddsa.

Barra mill-faqar, l-iżolament, it-tbatija u l-emarġinazzjoni, it-tfal f’dawn l-inħawi għandhom sfidi oħra billi ma jistgħux jitbiegħdu minn djarhom biex jiltaqgħu ma’ qraba u ħbieb minħabba l-ħafna restrizzjonijiet li hemm fuq l-ivjaġġar.

Għalhekk jinqabdu fl-inħawi tad-djar rispettivi tagħhom, esposti għall-perikli u l-influwenzi xejn pjaċevoli u t-tentazzjoni kontinwa li x-xitan ideffes denbu u jsibhom ħobż għal snienu.

Attività kontra t-tentazzjoni

L-aġenzija tal-aħbarijiet ZENIT ikkwotat lil rappreżentant tal-Ħbieb tal-Art Imqaddsa jgħid li dawn il-kampijiet tas-sajf huma attivita importanti kontra din it-tentazzjoni u dawn l-influwenzi.  Tfal minn kull denominazzjoni nisranija u membri tal-komunita Musulmana lokali kollha huma milqugħa u mogħtija għajnuna bla ebda kundizzjoni.

Flimkien dawn it-tfal ikollhom ċans jilgħabu, joħorġu flimkien, jieħdu sehem f’diskussjonijiet u attivitajiet organizzati u jingħataw għajnuna fl-istudji tagħhom u jagħmlu esperjenzi f’suġġetti oħra nħalma huma l-mużika u l-arti.. Dan kollu jsir taħt is-superviżjoni tal-Kappillan megħjun  minn membri tal-komunità lokali biex ikun assigurat li waqt it-tfal jiżviluppaw ħbiberiji tajba jkunu qed jikbru wkoll fil-fidi.

Il-Ħbieb tal-Art Imqaddsa ilhom is-snin jgħinu biex ikun organizzati dawn il-kampijiet tas-sajf għal tfal ta’ etajiet differentifil-komunitajiet insara ta’ Betlehem, Nablus, Nazareth u Ramallah.  Is-suċċes ta’ dawn il-kampijiet jidher mill-uċuħ ferħana tat-tfal li jieħdu sehem fihom.