Kampanja #WhyImCatholic toffri tama fi żminijiet diffiċli għall-Knisja

EXTENSION-WHY-IM-CATHOLIC

Il-Moviment “Catholic Extension” nieda kampanja ġdida fuq il-midja soċjali, intitolata #WhyImCatholic bl-iskop li toffri tama u għaqda lill-Kattoliċi billi tistedinhom jaqsmu stejjer pożittivi dwar il-fidi u l-komunità, f’dan iż-żmien diffiċli għall-Knisja.

Filwaqt li l-Kattoliċi fl-Istati Uniti qed jitqabdu ma’ kwistjonijiet li qed jolqtu l-Knisja llum, fosthom il-kriżi tal-abbużi sesswali, il-Moviment ‘Catholic Extension’ qed jagħraf li issa hu żmien diffiċli li tkun Kattoliku.

“Irridu niffaċċjaw din il-verità kiefra flimkien biex nibdlu u nikbru aktar b’saħħitna fl-imħabba. Dan se jweġġagħna. Se jkun diffiċli. U aħna rridu nsofru bħala familja li nemmnu”, qalet l-organizzazzjoni li hi bbażata f’Chicago. “Fi żminijiet bħal dawn irridu ningħaqdu flimkien u nfittxu eżempji pożittivi li jgħaqqdu lin-nies u jipprovdu appoġġ.”

‘Catholic Extension’ qed jistieden lill-poplu biex jaqsam l-istejjer tiegħu li jistgħu jkunu jinkludu wkoll filmati qosra, ritratti jew bil-kitba fuq il-midja soċjali billi juża il-hashtag #WhyImCatholic. Wieħed jista’ jibgħat ukoll l-istejjer tiegħu lil www.catholicextension.org/whyimcatholic.

Dawn l-istejjer imbagħad jidhru fuq il-paġna tal-Facebook tal-grupp, it-Twitter (@CathExtension) u s-sit elettroniku biex juru x’jagħmel lin-nies kburin li huma Kattoliċi u jagħtihom tama għall-futur.

“Li tkun Kattoliku jfisser li tkun parti minn komunità ta’ fidi fejn in-nies verament jemmnu f’xulxin – li verament temmen fid-dinja li fiha ngħixu”, qal Fr Jack Wall, President ta’ Catholic Extension. “Bħala familja aħna nintrabtu flimkien fi żminijiet diffiċli, imma flimkien nibnu futur aħjar u b’saħħtu, permezz tat-tama.”

Joe Boland, il-Viċi President tal-organizzazzjoni qal: “Hemm storja tal-Knisja Kattolika li l-aħbarijiet tal-lum qed itellfuhielna – storja mimlija tama, fidi u komunità. Aħna ta’ ‘Catholic Extension’ ilna ngħidu din l-istorja għal aktar minn 110 snin u nafu li l-Kattoliċi mferrxin mal-Amerika għandhom l-istejjer tagħhom x’jgħidu u aħna rridu nisimgħu dawn l-istejjer.”

‘Catholic Extension’ tiġbor u tqassam fondi biex tgħin djoċesijiet, ħafna minnhom rurali li jkopru meded kbar ta’ art iżda għandhom riżorsi pastorali limitati. Fost affarijiet oħra tgħin fil-bini ta’ knejjes u tassisti fl-edukazzjoni tas-seminaristi u t-taħriġ ta’ ħaddiema oħra fil-Knisja.