Kampanja ta’ informazzjoni dwar l-assigurazzjoni fuq id-djar mill-MFSA

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) nediet kampanja ta’ informazzjoni biex il-pubbliku jkun aktar infurmat fuq id-diversi poloz disponibbli għall-Assigurazzjoni fuq id-djar.

Fi stqarrija l-MFSA qalet li t-terminu assigurazzjoni fuq id-dar ħafna drabi jintuża biex jirreferi għal assigurazzjoni li tkopri kemm il-bini kif ukoll il-kontenut. L-MFSA tiirimarka li l-konsumatur m’għandux jassumi li l-polza tkopri dan awtomatikament. Żiedet li ħafna drabi l-polza tal-assigurazzjoni tal-bini hija separata minn dik tal-assigurazzjoni tal-kontenut.

L-MFSA qalet li l-għan ta’ din il-kampanja ta’ informazzjoni huwa li jiddistingwi bejn id-diversi assigurazzjonijiet disponibbli: fejn poloz varji jkompru l-bini biss jew il-kontenut ta’ ġod-dar biss. Żiedu li dawn iż-żewġ tipi ta’ poloz jistgħu jinxtraw flimkien jew b’mod separat.

L-uffiċċjal responsabbli għall-Conduct Supervision fi ħdan l-MFSA, Emily Benson qalet li l-qofol ta’ din il-kampanja huwa li jkun hemm iktar għarfien u aktar protezzjoni. Żiedet li l-MFSA hija impenjata sabiex tidentifika s-setturi li jistgħu jkunu l-aktar vulnerabbli u għalhekk timplimenta miżuri u programmi li jsaħħu l-għarfien li jwassal għall-protezzjoni tal-klijent.

Kull min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jagħfas hawn.