Kampanja ta’ defamazzjoni tal-Knisja fil-Kongo lejliet l-elezzjoni

“Nikkundannaw il-kampanja li qed tipprova tiskredita u tiddefama l-Knisja Kattolika u l-ġerarkija tagħha”, iddikjarat il-Konferenza Episkopali tal-Kongo fi tmiem laqgħa straordinarja li saret ftit jiem ilu.
L-Isqfijiet qalu li huma mħassba serjament għall-atti serji u ostili li qed isiru, filwaqt li l-pajjiż beda t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li għandhom isiru lejn tmiem din is-sena.
F’dokument maħruġ fi tmiem il-konferenza l-Isqfijiet ikkundannaw ir-repressjoni mdemmija fuq id-dimostrazzjonijiet paċifiċi li saru fl-aħħar tas-sena li għaddiet u u fil-21 ta’ Jannar ta’ din is-sena, li kienu organizzati mill-Kumitat għall-Koordinament tal-Lajċi, li hi għaqda fi ħdan il-Knisja.
“Għalfejn dawn l-imwiet kollha, għaliex tant nies sfaw feruti, arrestati jew maħtufa. Għaliex l-attakki fuq il-knejjes u l-komunitajiet ekkleżjastiċi? Għaliex din l-umiljazzjoni, it-tortura, l-intimidazzjoni, id-desakrazzjoni tal-knejjes u l-projbizzjoni għat-talb?” staqsew l-Isqfijiet.
Huma fakkru li d-dimostrazzjonijiet paċifiċi talbu sempliċement biex ikun implimentat bis-sħiħ il-ftehim tal-31 ta’ Diċembru tal-2016 li ntlaħaq bil-medjazzjoni tal-Knisja, u li kellu l-iskop li jsiru elezzjonijiet fil-pajjiż mill-aktar fis possibbli.
“Il-komunità nazzjonali kif ukoll dik internazzjonali huma xhieda ta’ numru ta’ kampanji velenużi maħsuba biex jiskreditaw u jdgħajfu s-saħħa morali tal-Knisja u partikolarment tal-Kardinal Laurent Monsengwo, Arċisqof ta’ Kinshasa, biex jaljenaw lill-poplu mill-veru problemi tal-pajjiż”, tgħid l-istqarrija tal-Konferenza Episkopali.
L-isqfijiet fil-Kongo huma inkwetati wkoll għall-inċertezza li nħolqot f’diversi żoni tal-pajjiż fosthom fil-provinċji tal-Grand Kasai, f’Kivu u Ituri fejn il-preżenza ta’ kriminali li qed jiżirgħu l-mewt u d-deżolazzjoni iwasslu lil min jaħseb li hemm xi pjan biex dawn il-provinċji jinħatfu.
“F’dan l-istadju tal-proċess elettorali wieħed bi dritt jistaqsi: min għandu x’jirbaħ jekk il-pajjiż ikun destabilizzat?”, staqsew l-Isqfijiet.
It-tensjonii qed tiżdied għax ma kienx implimentat il-ftehim tal-2016, partikolarment fejn tidħol il-libertà tal-istampa, il-ħelsien tal-priġunierii politiċi, ir-ritorn fil-pajjiż ta’ dawk li kienu eżiljati u l-kontroversja dwar il-makkinarju elettorali.
Il-Konferenza Episkopali sostniet li hu urġenti li l-elezzjoni ssir din is-sena kemm jista’ jkun malajr u appellat biex il-ftehim imsemmi jkun implimentat b’mod sħiħ biex jerġa’ jkun hemm il-libertà tal-espressjoni u tad-dimostrazzjoni u li jinħelsu dawk li kienu arrestati fiż-żewġ dimostrazzjonijiet li saru aktar kmieni.