Kampanja kontra li n-nisa jilbsu t-tkaken għoljin għax-xogħol; 20,000 mara diġà ffirmat il-petizzjoni

Ritratt: REUTERS/Kim Kyung-Hoon

F’Tokyo fil-Ġappun bdiet kampanja fuq il-midja soċjali kontra kodiċi tal-ilbies fuq il-post tax-xogħol biex b’hekk in-nisa ma jkunux obbligati li jilbsu żraben bi tkaken għoljin. Din il-petizzjoni onlajn mill-ewwel intlaqgħet tajjeb u nfirxet sew, b’eluf jingħaqdu mal- moviment #KuToo.

Diġà hemm mal-20,000 mara li ffirmat din il-petizzjoni li tinsab onlajn li tħeġġeġ lill-gvern biex jipprojbixxi kumpanijji li jippretendu li n-nisa għandhom jilbsu żraben bi tkaek għoljin. Yumi Ishikawa, li bdiet din il-kampanja, sostniet li din hija diskriminazzjoni bejn is-sessi.

Ritratt: REUTERS/Kim Kyung-Hoon

Il-kampanja #KuToo campaign ġiet imfassla fuq il-kliem “kutsu” li tfisser żraben bil-Ġappuniż, u “kutsuu” li tfisser uġiegħ.

Ritratt: REUTERS/Kim Kyung-Hoon

Ishikawa, li hija attriċi ta’ 32 sena, kif ukoll kittieba, qegħda tittama li din il-petizzjoni li għaddiet lill-Ministeru tas-Saħħa nhar it-Tnejn li għadda, twassal biex issir bidla fuq il-postijiet tax-xogħol u titqajjem aktar kuxjenza dwar id-diskriminazzjoni bejn is-sessi.

Bdiet il-kampanja wara li waqt xogħol part-time ma’ kumpanijja tal-funerali, ġiet imġiegħla tilbes żarbun b’takkuna għolja.

Fil-petizzjoni tagħha, hija kitbet li wara x-xogħol, in-nisa jilbsu żraben baxxi u aktar komdi u niżżlet dwar il-ħsarat li jikkaġunaw iż-żraben bit-tkaken għoljin.

Fl-istess waqt hi rrimarkat li l-irġel ma jiffaċċjawx l-istess aspettazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol.

Ritratt: REUTERS/Kim Kyung-Hoon

Filwaqt li fil-Ġappun ħafna kumpanijji mhux neċessarjament jitolbu lin-nisa biex jilbsu tkanen għoljin, ħafna jħossu li għandhom jagħmlu dan minħabba tradizzjoni u minħabba l-fatt li dan hu li huwa mistenni minnhom.Ishikawa qed tisħaq li din il-petizzjoni hija aktar bħala miżura ta’ saħħa milli ta’ diskriminazzjoni.Hi qalet ukoll li kemm ilha li bdiet din il-kampanja, hi kienet il-mira ta’ ħafna messaġġi online, l-aktar minn irġiel.

Intant il-Ministeru tas-Saħħa qal li kien qiegħed janalizza din il-petizzjoni u ma għadda l-ebda kummenti oħra.

Ritratt: REUTERS/Kim Kyung-Hoon

Fl-2016, fir-Renju Unit, Nicola Thorp kienet bdiet kampanja simili wara li kienu bgħatuha lura d-dar wara li rrifjutat li tilbes żarbun b’takkuna għolja.