Kampanja kontra l-faqar permezz tal-arti u l-kultura

Numru ta’ tfal u adolexxenti, matul il-jum tas-Sibt ġew ippreżentati b’ċertifikat għall-parteċipazzjoni tagħhom matul din il-ġimgħa f’inizjattiva mnedija mill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali bit-tema “Ningħaqdu kontra l-Faqar”. Matul din il-ġimgħa tniediet din l-inizjattiva immirata lejn it-tfal u ż-żgħażagħ sabiex permezz ta’ xogħolijiet ta’ arti u kultura tinħoloq kuxjenza kontra l-faqar. Dawk li pparteċipaw kienu jiltaqgħu kuljum quddiem Pjazza Teatru Rjal u taħt il-gwida tal-artisti Xandru Mallia u Ryan Galea, tellgħu tpinġijiet u ħadu sehem f’diskussjonijiet dwar it-tema tal-Faqar.

L-idea prinċipali kienet li permezz tal-arti u l-kultura, it-tfal ikunu iżjed konxji li l-problema tal-faqar m’hijiex biss problema li tmur lil hinn minn xtutna iżda wkoll realtà ta’ tfal sħabhom fil-klassijiet li jistgħu ikunu għaddejjin minn problema ta’ faqar fil-familji tagħhom.

F’messaġġ waqt l-okkażjoni tat-tqassim ta’ ċertifikati, is-Sinjura Michelle Muscat saħqet dwar l-importanza tal-edukazzjoni li fi kliemha hija ċ-ċavetta lejn il-progress u s-suċċess fil-ħajja. Minn naħa tagħha, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Marie Louise Coleiro Preca saħqet li f’Malta, 26% tat-tfal, jgħixu f’familji fejn il-ġenituri jħabbtu wiċċhom ma’ problemi finanzjarji u appellat sabiex fil-klassijiet fl-iskejjel tiġi megħluba l-problema ta’ bullying kontra dawn it-tfal li minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja fil-familja, jgħaddu minn problemi kbar.

 

Newsbook ħa l-kummenti ta' wħud mill-parteċipanti f'din l-inizjattiva.