Kampanja għal toroq iktar sikuri

Tnediet kampanja għas-sigurtà fit-toroq, li qiegħda titmexxa mil-kumpanija Express Trailers.
Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport qal li Express Trailers ikkonsultaw mal-Awtorità għat-Trasport f’Malta u mal-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq,sabiex il-kampanja tagħmel l-ikbar impatt possibbli favur użu iktar responsabbli tat-toroq.
Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, faħħar ħafna l-inizjattiva tal-kumpanija biex tippromwovi s-sigurtà fit-toroq. Huwa ħass li hija kampanja qrib l-operat tal-kumpanija tat-trasport, u għalhekk, għandha potenzjal tilħaq ħafna nies fl-istess industrija.
Huwa tkellem ukoll fuq is-simbolu tal-kampanja; qalb miżmuma f’par idejn li jissimbolizzaw it-triq. Is-simbolu fakkru fl-inċidenti fatali li nisimgħu fuqhom ta’ spiss, li jwasslu għal qlub bħal dik fl-istampa biex jieqfu jħabbtu.
Il-Ministru Borg spjega kif il-Ministeru se jibqa’ jaħdem sabiex l-inċidenti fit-triq dejjem jonqsu, li qed jinħolqu disinni ta’ toroq iktar sikuri, u li qed jintużaw iktar crash barriers biex jipproteġu aħjar lis-sewwieqa tal-muturi.
Iċ-Ċermen u Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers, Franco Azzopardi, żied jgħid li din il-kampanja se tkun ċelebrazzjoni tal-impenn tagħhom, bħala kumpanija, ta’ kemm jieħdu s-sigurtà bis-serjetà.
Biex tieħu sehem fil-kampanja, idħol hawn u kkuntattjahhom b’inizjattiva li qed tagħmel il-kumpanija tiegħek biex tippromwovi s-sigurtà fit-toroq.