Kampanja Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli, nediet kampanja Ewropea bit-tema “Postijiet tax-xogħol li jieħdu ħsieb is-saħħa f’kull età”.
Din il-kampanja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-immaniġġjar tajjeb tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru fissret l-importanza ta’ edukazzjoni kontinwa f’dan il-qasam, speċjalment meta aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-popolazzjoni qed tixjieħ. Kompliet tgħid li dan ifisser aktar ħaddiema b’età kbira li se jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Joseph Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA)  Dr Mark Gauci.
Min-naħa tiegħu Dr Gauci qal li l-OHSA se tkun qed tniedi wkoll żewġ kategoriji oħra fuq livell nazzjonali għal min jieħu inizjattivi fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà mhux relatati mat-tema tal-kampanja Ewropea.

Ritratt: DOI- Clifton Fenech