Kampanja Elettorali: Il-PN nefaq iktar mill-PL

Il-Partit Nazzjonalista ippubblika rendikont tad-dħul u n-nefqa tiegħu matul il-kampanja elettorali tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu li għadda.

Waqt il-kampanja elettorali il-Partit Nazzjonalista nefaq  €2,208,705  f’attivitajiet tal-massa, reklamar u billboards, materjal stampat u f’kampanja fuq l-internet. Parti minn din in-nefqa il-Partit irkupraha minn tlett maratoni u donazzjonijiet oħra li jammontaw għal €1,841,000.

F’kumment dwar dan, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said stqarr li “l-Partit Nazzjonalista qiegħed jippubblika dan ir-rendikont b’rispett sħiħ lejn it-trasparenza u l-kontabbiltà bil-għan li l-pubbliku jingħata rendikont komplut dwar dak li jkun nefaq partit politiku waqt kampanja elettorali.”

Ftit tax-xhur ilu il-Partit Laburista iddikjara li n-nefqa tiegħu għal Kampanja Elettorali kienet ta’ €1,500,000. Dan ifisser madwar €700,000 inqas mill-Partit Nazzjonalista.