Kampanja biex parti mill-paga tmur għall-MCCF

Il-President George Vella ħabbar kampanja li matulha l-ħaddiema jistgħu joffru donazzjoni żgħira mill-paga tagħhom fix-xahar li tmur direttament għall-The Malta Community Chest Fund.

F’konferenza stampa l-President Vella nieda din il-kampanja bl-isem ta’ ”Help us Help Others“ . Huwa spjega li din l-inizjattiva tinvolvi l-parteċipazzjoni volontajra tal-ħaddiema li jixtiequ joffru donazzjoni b’mod regolari lill-MCCF. Żied li kontribuzzjoni żgħira mingħand il-ħafna tfisser li The Malta Community Chest Fund tkun tista’ tibqa’ tgħin lil dawk kollha li għandhom bżonn.

Il-President Vella ħabbar ukoll li se tkun qed issir xandira diretta ta’ 12-il siegħa fuq l-istazjonijiet televiżivi nazzjoanali kollha. Din il-maratona bl-isema ta’ ”Għinuna Ngħinukom“ se ssir il-Ħadd 20 ta’ Settembru minn nofsinhar sa nofsillejl.

Dawn l-inizjattivi qegħdin isiru fid-dawl li l-attivitajiet li kienu ppjanati mill-MCCF biex tiġbor il-fondi meħtieġa kellhom jitħassru minħabba l-imxija tal-COVID-19.