Kampanja biex jinħelsu żewġ anzjani f’ Burkina Faso

Diversi nies f’Burkina Faso qed jagħmlu kampanja biex it-tabib Ken u martu Jocelyn Eliott jiġu meħlusa, wara li kienu maħtufa fl-istess ġurnata li seħħ l-attakk mill-al-Qaeda f’Ouagadougou.
Ken u Jocelyn Elliott, li għandhom fuq it-tmenin sena, bnew faċilitajiet mediċi  fil-Belt ta’ Djibo, qrib il-fruntiera Mali.
Għadu mhux ċar jekk il-ħtif tagħhom hux relatat mal-attakki fatali li saru nhar il-Ġimgħa mill al-Qaeda f’ Ouagadougou .
Il-gvern ta’ Burkina Faso qal li 28 persuna ġew maqtula u 56 midruba fl-attakk, li kien immirat għal żewġ lukandi u kafetterija  iffrekwentati  minn ċittadini barranin . 
Hamadou Ag Khallini, kelliem għall-grupp militanti Malian Ansar Dine, qal lill-midja Awstraljana li l-al-Qaeda kienu qed iżommu l-koppja.
Madankollu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Awstraljan qal li għadu mhux magħruf fejn tinsab il-koppja.