Kampanja biex jinħatru 10 nisa fil-Kummissjoni Ewropea

Fi Brussell bdiet il-ħidma sabiex jinħatru l-Kummissarji Ewropej ġodda.
Wara li Jean-Claude Juncker ġie approvat mill-Parlament Ewropew biex ikun il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qed issir pressjoni kbira biex il-maġġoranza tal-Kummissarji Ewropej ikunu nisa.
Madwar l-Ewropa bdiet il-kampanja Ten or More biex il-Kummissjoni tkun magħmul minn tal-inqas minn 10 Kummissarji nisa.
Qed issir pressjoni wkoll biex minn tal-inqas f'pożizzjoni waħda mill-4 pożizzjonijiet l-iktar influwenti tal-Unjoni Ewropea jkun hemm mara.
Juncker mhux qed jeskludi li fost it-28 Kummissarji jkun hemm disa' nisa.
L-aktar li qed jissemmew huma it-Taljana Federica Mogherini, li tista' tinħatar Kummissarju Ewropew responsabbli mir-relazzjonijiet barranin, il-Bulgara Kristalina Georgieva u l-Prim Ministru tad-Danimarka, Helle Thorning Schmidt li tista' tieħu post Herman Van Rompuy bħala President tal-Kunsill Ewropew.
Schmidt qed tgawdi appoġġ importanti speċjalment mir-Renju Unit u l-Ġermanja. 
Il-Gvern Malti nnomina lill-eks Ministru Karmenu Vella sabiex isir Kummissarju Ewropew wara Tonio Borg.