Kamerun: L-Isqof jinqatel għax kien kontra saċerdoti omosesswali

Waqt il-funeral tal-Isqof mill-Kamerun li nstab mejjet fi xmara, iċ-ċelebrant qal li dan inqatel għax tkellem kontra saċerdoti omosseswali.
L-Amministratur, li ħa f’idu d-Djoċesi minn kemm ilha li tħabbret il-mewt misterjuża tal-Isqof, waqt l-omelija qal li l-awturi tal-omiċidju kienu preżenti għall-funeral, attaparsi jikbu t-telfa u jissimpatizzaw.
Minn mindu l-Isqof Jean Marie Benoit Bala nstab mejjet, kien hemm ħafna xniegħat dwar il-mewta tiegħu, min jgħid li għamel suwiċidju u min jgħid li nqatel brutalment.
Waqt il-funeral, l-Amministratur Joseph Akonga Essomba pponta subajgħ lejn l-ewwel fillieri tal-knisja fejn kienu bilqiegħda diversi politiċi u rappreżentanti tal-Gvern u anke lejn Isqfijiet u saċerdoti li kienu preżenti.
Joseph Akonga Essombla kien iebes fi kliemu u qal li dawk li qatlu lill-Isqof huma nies fil-poter li dejjeb bil-ġlekk u l-ingravata u li kienu sħabu saċerdoti omosesswali li tradewh.
Kompla jgħid li l-Isqof kien għawwiem tajjeb u li ma setax għereq. Wissa lill-Insara tal-pajjiż biex joqogħdu attenti għax fi kliemu “l-Knisja tinsab taħt attakk.”
Fakkar li fl-aħħar snin inqatlu madwar 14-il prelat tal-Knisja fil-Kamerun u li l-awtoritajiet qatt ma taw rapport sodisfaċenti biex jispjegaw dawn l-imwiet.
Ma’ Crux, l-Isqof ta’ Obala Sosthéne Léopold Bayemi qal li Jean Marie Benoit Bala inqatel għax dejjem kien xhud tal-verità.
“Kull Isqof u saċerdot li jiddefendi l-verità jeħtieġ ikun lest għax-xabla,” qal l-Isqof.
Intant, madwar il-pajjiż diversi mexxejja reliġjużi qed juru s-sogħba għat-telfa tal-Isqof, bl-Imam, El Hadj Dang Amadou, jgħid li l-komunità Musulmana tal-Kamerun tilef ħabib kbir.