Kamera tasal lura għand sidtha wara li titkaxkar 6,200 mil mill-Hawaii sa Taiwan

Sitt snin wara li mara mill-Istati Uniti tilfet il-kamera tar-ritratti tagħha waqt btala fil-Hawaii, il-kamera telgħet l-art fuq bajja fit-Tajwan. Il-kamera għamlet vjaġġ ta’ madwar 6,200 mil u qasmet l-Oċean Paċifiku.
Ir-raġel li sab il-kamera beda jfittex ta’ min setgħet kienet. Fortunatament ma daħalx ilma fil-kamera u l-kard tal-memorja ma ġralha xejn. Mir-ritratti, ir-raġel sab wieħed tad-dgħajsa li minnha niżlet togħdos il-mara bil-kamera tar-ritratti. Minn hemmhekk irnexxielu jsib il-mara li għamel kuntatt magħha bl-internet.
Il-linja tal-ajru taċ-Ċina offriet vjaġġ bla ħlas lill-mara biex tmur tiġbor il-kamera u b’hekk tara hi stess kemm vjaġġat il-kamera tagħha. Sa issa ma setgħetx tilqa’ l-offertà għax għada kemm bdiet xogħol ġdid u ma tistax tieħu btajjel għalissa.