Kaloriji Prodotti: Dejjem jgħidu l-verità?

Qed jolqtu fil-laħam il-ħaj, ir-riżultati ta’ eżerċizzju fejn ġew analizzati t-tabelli tal-kaloriji ta’ ħames prodotti tal-ikel.
Fost l-oħrajn xjentisti tal-ikel fl-Istati Uniti sabu li muffin li suppost kellha 640 kalorija, fil-verità kellha 735, u li biċċa ħobż b’ingredjenti tajbin għas-saħħa kellha d-doppju ta’ kaloriji minn dak imniżżel fit-tabella.
Dwar dan, id-Direttur tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni mill-Mard Dr Charmaine Gauci saħqet dwar l-importanza li n-numru ta’ kaloriji mmarkati fuq il-prodott tal-ikel jew tax-xorb ikunu korretti għax il-konsumatur ma jistax jiġi mqarraq. Sostniet li dan hu mitlub mil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u anke ta’ Malta.
Dr Gauci fakkret li hu meħtieġ li wieħed jirrealizza li t-tikketta fuq il-prodotti tal-ikel, tinkludi n-numru ta’ kaloriji għal kull 100g ta’ ikel biex tkun tista’ titqabbel ma’ prodotti simili.   
Madanakollu semmiet ukoll li f’xi prodotti, il-manifattur jiddeċiedi li barra din l-informazzjoni, fuq it-tikketta jinkludi wkoll informazzjoni għal kull serving. Spjegat li f’dan il-każ, in-numru ta’ kaloriji għal kull serving ma jistax jitqabbel ma’ serving ta’ prodott ieħor għax id-daqs minn prodott għall-ieħor ħafna drabi jvarja. 
Dr Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku biex jikkonsma dieta nutrittiva biex jibqa’ f’saħħtu u jevita l-mard, speċjalment dak infettiv, "issa li ninsabu fi żmien fejn hu aktar faċli li jittieħdu l-irjiħat jew l-influwenza staġjonali."
Sostniet li d-dieta Mediterranja hi dieta bilanċjata għax tinkludi ħaxix, frott, ċereali (l-aktar dawk somor), legumi, lewż u żrieragħ, laħam, dgħif, ħut, tjur, bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib.
Id-Direttur tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni mill-Mard fakkret li d-Direttorat għandu tabella żgħira li tista’ tinġarr fil-portmoni, bħala gwida għall-konsumaturi biex ikunu infurmati dwar kif jindunaw jekk il-prodotti jkollhomx ammonti għolja ta’ xaħam, zokkor, xaħam saturat u melħ. Żiedet tgħid, li tgħinhom jagħżlu wkoll prodotti meqjusa bħala baxxi f'dawn l-ingredjenti.