Kaċċaturi San Ubertu jikkundannaw l-isparar fuq il-fjamingu f’Għawdex

L-Għaqda Kaċċaturi San Ubertu kkundannat bla riservi l-isparar fuq il-fjamingu f’Għawdex.

Fi stqarrija, l-Għaqda qalet li dawk li għamlu dan l-att għandhom jitqiesu bħala delinkwenti u mhux kaċċaturi.

L-istess Għaqda tal-kaċċaturi insistiet biex jekk il-Qorti ssib lil min għamel dan ħati, titneħħilu ukoll il-liċenzja tal-kaċċa għal għomorhom filwaqt li l-arma tiġi kkonfiskata. Qalet ukoll li l-akkużati għandhom iħallsu l-akbar multi li hemm applikabbli fil-liġi u jekk jerġgħu jagħmlu xi ħaġa simili, jintbgħatu l-ħabs.

Kaċċaturi San Ubertu staqsiet il-kummissarju tal-pulizija jekk hux f’pożizzjoni li jaġixxi fuq att kriminali li seħħ tliet xhur ilu fis-Salini.

L-istqarrija ttemm billi tfaħħar il-Gvern fl-inizjattiva biex jiħraxu l-pieni relatati mal-kaċċa.