“Kaċċatur eżemplari” wieħed mill-vittmi tal-Covid-19

Aldo-E.-Azzopardi
FKNK / Facebook

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) sellmet il-memorja ta’ Aldo E. Azzopardi, deskritt bħala “kaċċatur ġentlom” u eżemplari li kien wieħed mill-erba’ vittmi ġodda tal-Covid-19 li tħabbru lbieraħ.

Huwa kellu 87 sena.

L-FKNK ikkummentat dwar kif, ironikament, din is-sena ma ġewx sparati tiri fis-Salut ta’ San Ġiljan li tant kien iħobb Aldo minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, imma l-pandemija spiċċat biex ħasditlu ħajtu. Huwa ġie deskritt bħala kaċċatur eżemplari li qatt ma kien lest jaċetta l-abolizzjoni tal-kaċċa.

L-erba’ mwiet bil-Covid-19 imħabbrin ilbieraħ
F’ġurnata jmutu 4 persuni bil-Covid-19

L-FKNK qalet li Aldo kien magħruf bħala enċiklopedija ħajja peress li kien jaf ħafna informazzjoni fuq suġġetti varji. Kien jaf ħafna dwar il-kaċċa, li dwarha, skont l-FKNK, kien “storiku, għalliem, studjuż, awtorità mfittxija fuq bosta programmi tat-TV u tar-radju, serva f’bosta kumitati u bordijiet relatati mal-kaċċa u l-isparar, kittieb prolifiku ta’ karti u ittri nnumerabbli, u awtur ta’ wħud mill-ewwel kotba dwar il-kaċċa Maltija, jiġifieri The Maltese Shooter’s Handbook (1985) u Il-Kaċċa (1999).” Għal dan l-aħħar ktieb, fl-2002 Aldo ngħata l-ewwel premju mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bħala l-aqwa xogħol bil-Malti fil-kategorija Proża Mhux Fittizja.

Il-Federazzjoni żiedet tgħid li ntilef kontributur imprezzabbli għad-difiża tat-tradizzjoni soċjokulturali tal-kaċċa u l-insib Maltin. 

Fl-1985 Aldo sar Viċi President tal-FKNK, u dam fil-kariga 10 snin. Kien membru tal-FKNK mit-twaqqif tagħha fl-1973 u editur konġunt tar-rivista tal-FKNK Id-Dura fl-1988. Kien ukoll fundatur ta’ Kaċċaturi San Ubertu.

TRIBUTE TO A GENTLEMAN HUNTERAldo E. Azzopardi 1933 – 20205 November 2020 Covid – 19 has yesterday claimed the life…

Posted by Federazzjoni Kaccaturi Nassaba Konservazzjonisti – FKNK on Wednesday, November 4, 2020