Kaċċa illegali: Għasfur protett kuljum mill-ftuħ tal-istaġun

Read in English.

Birdlife Malta qalet li sa mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fl-10 ta’ April ġew sparati ħames għasafar protetti.

Fi stqarrija, il-Birdlife qalet li l-għasafar protetti nstabu f’Għajnsielem (Spanjulett), fis-Salina (Qerd in-Naħal), fil-Furjana (Daqquqa tat-Toppu), f’Birżebbuġa (Spanjulett) u fil-Wardija (Gamiema tal-Kullar).

Birdlife spjegat li dawn huma biss l-għasafar li l-voluntiera tagħhom irnexxielhom isalvaw. Hija spjegat ukoll li fl-aħħar ġranet innutaw Russett Griż itir fuq l-Għadira li kien ukoll ferut. L-għaqda qalet li l-għasafar kollha ttieħdu lill-Pulizija mill-pubbliku għajr għall-ispanjulett li nstab mill-Kumitat kontra l-moħqrija tal-għasafar (CABS).

Fi stqarrija separata, il-CABS qalet li t-Tnejn sabu Spanjulet ferut f’wied viċin Birżebbuġa. Huma qalu li mill-bidu tal-istaġun, il-voluntiera tagħhom osservaw għadd ta’ każijiet fejn il-kaċċaturi kienu qed jisparaw fuq tajr protett. Dwar l-ispanjulett ferut, il-CABS qalet li għaddietu lil Birdlife Malta għall-kura. Il-Kumitat ikkonferma wkoll li veterinarju aktar tard ikkonferma li l-ispanjulet intlaqtet minn sparatura.

Huma ppubblikaw filmat tal-illegalitajiet li seħħew f’Marzu: