Filmat: Kważi 100 mejta wara bomba moħbija f’ambulanza f’Kabul

Minn tal-inqas 95 mietu filwaqt li 158 oħra ndarbu wara bomba suwiċida oħra fiċ-ċentru tal-belt kapitali Kabul fl-Afganistan.
Dan seħħ viċin il-bini antik tal-Ministeru tal-Intern, l-uffiċini tal-Unjoni Ewropa u l-Kunsill Għoli għall-Paċi.
It-Talibani qalu li huma responsabbli għal dan l-attakk. L-aggressuri saqu ambulanza mimlija splussivi li għaddiet minn checkpoint tal-pulizija għal triq li hi miftuħa biss għall-ħaddiema tal-gvern.
Xhieda qalu li ż-żona kienet mimlija nies meta splodiet il-bomba, għax għalkemm il-bomba kienet immirata lejn bini uffiċjali, kien hemm ħafna nies li ntlaqtu xħin inzertaw għaddejjin minn hemm.
Kelliem għall-Ministeru tal-Intern qal li l-aggressur għadda minn checkpoint meta gideb li kellu jieġu pazjent fi sptar fil-qrib, iżda mat-tieni checkpoint iddeċieda li jisplodi l-bomba.
Fiż-żona jinsabu diversi ambaxxati u l-kwartieri tal-Pulizija tal-belt.
Dan huwa wieħed mill-aktar attakki mdemmija f'Kabul fl-aħħar xhur.
Ġimgħa ilu militanti Talibani qatlu 22 persuna ġewwa lukanda f’Kabul.