KA ‘imħassba serjament’ fuq proposta ta’ nsib ‘xjentifiku’ fuq għasafar tal-għana

Song Bird Association Malta

Read in English.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) uriet xettiċiżmu fuq proposta li tippermetti l-insib ta’ għasafar tal-għana għal raġunijiet xjentifiċi, peress illi jidher li din m’hi xejn ħlief mod kif Malta tista’ ddur mal-liġijiet Ewropej li ma jippermettux l-insib ta’ dawn l-ispeċi.

Il-KA għamlet is-sottomissjonijiet tagħha bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-Ministeru għal Għawdex, li ġie mogħti responsabbiltà fuq il-kaċċa u l-insib din is-sena. Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri huwa kaċċatur hu nnifsu.

Il-kummissjoni qalet li taqbel mal-kunċett li n-nassaba jkunu direttament involuti fi proġetti xjentifiċi, dejjem jekk dawn ikunu ppjanati u maħduma sew.

Però, qalet li tinsab “imħassba serjament dwar il-mod mgħaġġel li bih qed tinħadem din il-proposta.”

“Tant qed issir bl-għaġla li, mill-kummenti li deheru fil-midja soċjali, jidher li hemm nuqqas kbir ta’ għarfien dwar x’irid isir fl-istess komunità tan-nassaba – dawk li ser ikunu involuti f’dan l-istudju. Dan jagħti x’jifhem li nstab mezz kif possibilment induru mal-liġi li tillimita l-insib u b’hekk noffru soluzzjoni ta’ malajr biex tissolva l-kwistjoni (għal żmien qasir) tal-insib f’pajjiżna,” qalet il-KA

“Fi kliem ieħor, la ma nistgħux ngħaddu mill-bieb, tgħid se nippruvaw nidħlu mit-tieqa?”

Il-KA wissiet li l-proġett jista’ jagħmel aktar ħsara milli ġid, kemm lill-ambjent naturali kif ukoll lin-nassaba nfushom. Insistiet li l-Kummissjoni Ewropea x’aktarx se tirrealizza l-intenzjonijiet ta’ Malta, u li n-nassaba kienu qed jingħataw tamiet foloz li jwassluhom għal aktar frustrazzjoni.

Studju xjentifiku jrid ikun kredibbli

Il-kummissjoni insistiet li studju xjentifiku għandu jkun organizzat taħt il-patroċijnju ta’ istituzzjoni kredibbli bħall-Università ta’ Malta, li toffri esperti fil-qasam. Il-proġett jidher li m’għandux metodoloġija dikjarata, li essenzjali sabiex jitqies tabilħaqq xjentifiku.

B’hekk, żiedet il-KA, għandhom jitqabbdu ornitoloġisti biex iħarrġu u jassistu nassaba li huma lesta jsiru bird ringers. Fakkret li l-użu taċ-ċrieket għandu ċertu livell ta’ awtokontroll għax dawn iservu ta’ prova li l-għasafar verament ikunu qed jinqabdu u jinħelsu.

Però il-gvern qed jipproponi sistema li ma tagħtix garanzija li l-għasafar maqbuda se jkunu meħlusa mill-ġdid, li x’aktarx iwassal għal investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-proġett kif imfassal jagħti n-nassaba l-opportunità li jaqbdu kemm iridu minn seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, u jieħdu nota ta’ ċrieket li jista’ jkollhom u jeħilsuhom immedjatament. Però ċ-ċrieket huma rarità fuq l-għasafar tal-għana: ftit aktar minn 100 ġew irreġistrati mill-1910 sal-lum.

Peress li m’hemm l-ebda bżonn li jitlibbsu ċ-ċrieket fuq l-għasafar li jinqabdu, il-KA insistiet li l-informazzjoni li se tinġabar se tkun “minima u x’aktarx irrelevanti,” u li dan ikompli jixħet dubji serji dwar l-intenzjoni vera wara din il-proposta.