Jużaw it-tfal biex jisirqu; arrestati ftit qabel ħarbu minn Malta

Il-Pulizija arrestat sitt irġiel u għaxar nisa wara jiem ta’ osservazzjoni u investigazzjoni b’rabta ma’ reati ta’ pick pocketing.
Għall-ħabta tan-nofsiegħa, il-Pulizija arrestat ħamest irġiel u tmien nisa, kollha Bulgari li kienu qed jirkbu vann tal-kiri minn quddiem lukanda f’Tas-Sliema bil-għan li jitilqu minn Malta aktar tard waranofsinhar.
F’dan l-ewwel intervent, il-Pulizija arrestat erbat irġiel u sitt nisa li magħhom kellhom tlett itfal.
L-irġiel u n-nisa ttieħdu l-Għassa ta’ Tas-Sliema.
Sagħtejn wara, f’intervent ieħor, ġew arrestati żewġ nisa u raġel li kellhom magħhom tifel.
Peress li l-arrestati kienu akkumpanjati bit-tfal, il-Pulizija infurmat lill-aġenzija Appoġġ, li qed tgħin sabiex jinstab post alternattiv għal dawn it-tfal.
Fil-pussess tal-Bulgari instabu ammont sostanzjali ta’ ewro u sterlina kontanti, kif ukoll flejjes oħra ta’ muniti barranin u mowbajls li kienu ġew irrappurtati misruqa.
Il-Pulizija għandha ukoll filmati miġbuda minn kameras tas-sigurtà u evidenza oħra b’konnessjoni ma’ din l-attivita’ organizzata, inkluż filmati li kienu qegħdin jużaw lit-tfal f’din l-attivita’ kriminali. 
Il-persuni mistennija jitressqu l-Qorti nhar is-Sibt filgħodu.