Jużaw il-karozza għax m’hemmx alternattiva

Arkivji

Ħafna qalu li kieku hemm alternattiva aċċessibbli u ta’ min joqgħod fuqha għall-karozza, jużawha. Dan ġie żvelat f’sondaġġ minn Project Aegle, li saqsa jekk in-nies jitħajrux jużaw applikazzjoni tal-mowbajl li tissimplifika l-ippjanar tal-ivvjaġġar u l-ivvjaġġar innifsu f’Malta.

F’dan is-sondaġġ, minn 84.46% li jużaw karozza privata biex jivvjaġġaw, 76.71% stqarru li l-iktar ħaġa li tinkwetahom hija l-konġestjoni tat-traffiku. 40% stqarru li lesti li jużaw din l-applikazzjoni biex jużaw alternattivi oħra apparti minn karozza.

60% qalu li jitħajru jużaw applikazzjoni tal-mowbajl sabiex jiffaċilitaw l-ippjanar tar-rottot, li tagħmilha aktar possibli li wieħed juża mezzi differenti ta’ vvjaġġar biex itejbu l-vajġġ tagħhom.

Minħabba nuqqas ta’ informazzjoni dwar mezzi alternattivi ta’ vvjaġġar, skont stqarrrija li ħarġet minn Agele, il-karozza, li hija l-iktar għażla faċli, m’għadhiex daqshekk ta’ min joqgħod fuqha minħabba l-konġestjoni tat-traffiku.

Car sharing hija l-iktar alternattiva popolari (58.9%), filwaqt li dawk fl-età ta’ bejn il-25 u l-34 sena huma l-iktar lesti li jużaw mezzi alternattivi.

Ranier Fsadni, antropologu u kontributur għall-Proġett Aegle qal li huwa ċar li l-maġġoranza tan-nies iridu iktar għażla, imma nistgħu ngħidu li hemm għażla biss jekk din tkun waħda meqjusa. Fsadni stqarr li huwa importanti li l-approċċ lejn il-mobiltà jkun wieħed li jgħaraf il-bżonnijiet ta’ nies ta’ etajiet differenti.

L-applikazzjoni msemmija tinkludi informazzjoni, il-possibilità li tirriżerva trasport publiku, tippjana rottot għall-użant u tiffaċilita “car sharing”.

Dan is-sondaġġ saret fuq midja soċjali bejn l-1 u l-25 ta’ Ġunju. Total ta 150 persuna pparteċipaw f’dan is-sondaġġ.