Juża l-ħruġ tal-emerġenza għax xeba’ jistenna fuq l-ajruplan

Passiġġier li kien fuq it-titjira FR8164 mill-ajruport ta’ Stansted fl-Ingilterra għall-ajruport Spanjol f’Malaga fl-ewwel tas-sena qajjem paniku meta uża l-ħruġ ta’ emerġenza fuq l-ajruplan minħabba li xeba jistenna l-bibien jinfetħu.
It-titjira telqet siegħa tard minn Londra u l-passiġġieri kellhom jistennew madwar nofs siegħa fuq l-ajruplan meta waslu Spanja.
Ir-raġel Pollakk, li għandu madwar 50 sena, qagħad bilqiegħda fuq ġewnaħ tal-ajruplan għal ftit minuti, qabel ma l-ħaddiema tal-ajruport irnexxielhom jikkonvinċuh biex jerġa’ jidħol.
Malli wasal fl-ajruport Spanjol, ġie arrestat mill-membri tas-sigurtà tal-ajruport.
Filmat meħud minn passiġġier ieħor juri lir-raġel bilqiegħda bil-bagalja ħdejh fuq il-ġewnaħ tal-ajruplan, waqt li l-passiġġiera l-oħra li kienu għadhom ġol-ajruplan infaqgħu jidħku bih.
Madankollu, wieħed mill-passiġġieri fuq l-istess titjira allega li l-Pollakk kien ibati bl-ażma u li kien qed isibha bi tqila biex jieħu n-nifs.
Kelliem għall-kumpanija tal-ajru Ryanair qal li inċident bħal dan xorta waħda huwa ksur tar-regoli tas-sigurtà tal-ajruporti, u l-passiġġier Pollakk qed jaffaċċa multi kbar.
Din mhijiex l-ewwel darba li passiġġier fuq titjira tar-Ryanair kiser ir-regoli tal-inżul minn fuq l-ajruplan. Fl-2016, passiġġier qabeż mill-bieba ta’ ajruplan f’Madrid u ġera lejn ajruplan ieħor biex jipprova jaqbad titjira lejn Gran Canaria, li hija waħda mill-gżejjer Spanjoli.
Ritratti: Twitter