Juventus jixtiequ li Pogba jmur lura magħhom

Paul Pogba telaq lil Juventus u ngħaqad ma’ Manchester United sentejn ilu iżda l-midfielder Franċiż jista’ jkun li jinsab fi triqtu lura lejn Turin. Skont Daily Mail, Juventus lesti li jneħħu erba’ plejers sabiex jiġbru l-fondi meħtieġa għar-ritorn ta’ Pogba.

Manchester United ħalsu £89m sabiex akkwistawh iżda lejn tmiem l-istaġun l-għadda nibtu xi problemi fir-relazzjoni ta’ bejn il-midfielder u Jose Mourinho. Juventus diġà nefqu ‘l fuq minn £85m sabiex xtraw lil Cristiano Ronaldo iżda l-bejgħ ta’ Miralem Pjanic, Gonzalo Higuain u Daniele Rugani jista’ jippermettilhom li jagħmlu offerta kbira għar-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja.

Pogba qatta’ erba’ snin ma’ Juventus u rebaħ il-kampjonat domestiku f’kull staġun li lagħab mat-tim tas-Serie A.