Justyne Caruana tħabbar rinnovar f’sala oħra f’San Vinċenz

Hekk kif għadu kemm tlesta x-xogħol fis-sala San Ġużepp 3, li għadha ma ġietx inawgurata uffiċjalment, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Justyne Caruana ħabbret li diġà ġiet identifikata sala oħra biex tibda tiġi mmodernizzata.
Caruana qalet dan waqt id-diskors tagħha fl-okkażjoni tal-għoti taċ-ċertifikati lill-impjegati tar-Residenza San Vinċenz de Paul wara li temmew b’suċċess il-Leadership Course.
Is-Segretarju Parlamentari tenniet ukoll kif bħalissa għaddej xogħol fuq is-swali tan-nisa li mistennija jkunu lesti sa nofs din is-sena.
Hija semmiet ukoll il-proġett tal-kumpless ta’ Rużar Briffa fejn diġà ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-MEPA u permezz ta’ liema proġett se jiżdiedu 125 sodda.
Justyne Caruana fakkret li bħalissa hemm miftuħin ukoll l-applikazzjonijiet għall-Care Assistant Courses mogħtija f’San Vinċenz.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott