Justyne Caruana tesplora niċeċ ġodda ta’ koperazzjoni għal Għawdex

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li Għawdex se jkun qed jibbenefika fil-futur qarib f’diversi oqsma. Hi spjegat li dan se jkun possibbli kemm permezz tal-pakketti finanzjarji li joffri l-Ministert għal Għawdex biex investituri barranin jirrilokaw f’Għawdex kif ukoll fl-investiment infrastrutturali li qed iseħħ kemm fil-Gozo Innovations Hub, u bit-tqegħid tat-tieni fiber optic cable.

Caruana spjegat dan wara li attendiet u indirizzat sessjoni speċjali tal-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell kif ukoll wara li attendiet laqgħat bilaterali. Skont stqarrija maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex il-laqgħat kienu intiżi biex jiġu esplorati niċeċ ġodda ta’ koperazzjoni u kummerċ skont il-viżjoni li qed jimplimenta l-Ministeru għal Għawdex stess, ewlenin fosthom dik tar-riċerka u innovazjoni, turiżmu ta’ kwalità u tal-avvanz teknoloġiku.