Justyne Caruana se tikkontesta l-elezzjoni li jmiss

Read in English.

L-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li se tkun qed terġa’ tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan qalitu Caruana permezz ta’ post fuq Facebook wara li lbieraħ issottomettiet ir-reżenja tagħha minn Ministru. Hi se tibqa’ sservi bħala Membru Parlamentari.

Caruana rringrazzjat lil dawk kollha li qed juru solidarjetà magħha “f’dan il-mument diffiċli”. Qalet li hi kburija bix-xogħol li wettqet għax “kif qal il-Prim Ministru, gawdew minnu ħafna nies”. Qalet li kisbet riżultati għal Għawdex li huma bla precedent u li se jibqgħu jitgawdew għal ħafna snin.

Spjegat li hi għad għandha biss 45 sena u għandha ħafna aktar x’toffri lill-poplu u lill-pajjiż. Qalet li se tkompli bil-ħidma tagħha fil-Parlament, imbagħad tikkontesta l-elezzjoni li jmiss biex iżżid il-maġġoranza f’Għawdex.

Ilbieraħ il-Prim Ministru aċċetta r-riżenja ta’ Caruana wara li l-Ħadd u lbieraħ stess ħarġu rapporti dwar ir-relazzjoni bejn Silvio Valletta u Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Artiklu maħruġ minn The Sunday Times qal li meta Valletta kien għadu Deputat Kummissarju tal-Pulizija, siefer ma’ Yorgen Fenech. Dak iż-żmien Fenech kien diġà identifikat bħala persuna ta’ interess fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista. Valletta kkonferma mal-istess ġurnal li hu siefer ma’ Fenech, iżda stqarr li ħallas hu u li kien ilu minn Ġunju tal-2018 ma jaħdem fuq il-każ.

Dalgħodu ħareġ b’mod uffiċċjali li l-eks Assistant Kummissarju Silvio Valletta, li huwa miżżewweġ lil Caruana, qed jiġi investigat mill-Pulizija.