Justyne Caruana tirriżenja minn Ministru

Aġġornat 08:05 PM
Miguela Xuereb

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana rriżenjat minn Ministru għal Għawdex. Din ir-riżenja ġiet wara d-diversi rapporti bejn ibieraħ u llum li juru li r-raġel tagħha huwa ħabib ma’ Yorgen Fenech, l-akkużat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Skont rapporti, ir-raġel tagħha, l-eks deputat kummissjaru tal-Pulizija Silvio Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech. Dan meta Silvio Valletta kien għadu Deputat Kummissarju tal-Pulizija. Dak iż-żmien Fenech kien diġà identifikat bħala persuna ta’ interess fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista. Dan ġie rrappurtat mis-Sunday Times of Malta. Valletta kkonferma mal-istess ġurnal li hu siefer ma’ Fenech, iżda stqarr li ħallas hu u li kien ilu minn Ġunju tal-2018 ma jaħdem fuq il-każ.

Rapport li ħareġ dalgħodu fuq The Times juri li Fenech iffilmja lil Silvio Valletta ‘jikkumiedja’ (fooling around), bħallikieku huwa s-sid tar-Rolls Royce ta’ Fenech. Il-filmat ġie elevat mill-mowbajl ta’ Fenech u kien intbagħat lill-Prim Ministru għall-investigazzjoni.

Justyne Caruana saret Ministru għal Għawdex fl-2017 u reġgħet inħatret fl-istess pożizzjoni l-ġimgħa li għaddiet bħala parti mill-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Ħadd, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri stqarr li kull allegazzjoni trid tiġi investigata. Għamilha ċara li l-ebda politiku m’għandu jintervjeni jew ikun involut f’xi investigazzjoni ta’ dan it-tip.