Justin Timberlake jerġa’ jsir missier

Ritratt: ABC/Adam Rose/Walt Disney Television

Skont dak li qed jiġi rrappurtat fil-media internazzjonali, il-kantant Justin Timberlake reġa’ sar missier wara li ftit tal-ġranet ilu, martu, l-attriċi Jessica Biel, kellha tifel ieħor.

L-aħbar kienet sorpriża għal kulħadd minħabba li qatt ma ġie rrappurtat li l-koppja kienet qed tistenna tarbija. Saħansitra qatt ma ttieħdu ritratti li juruha tqila.

L-aħħar li lil Biel ħadulha xi ritratt kien f’Marzu li għadda, meta qed jiġi kkalkulat li kellha erba’ xhur tqala.

L-istess rapporti, li mhumiex konfermati, isostnu li l-koppja bħalissa qed tgħix f’residenza oħra u magħhom hemm Kimberly Conroe Biel, omm l-attriċi.

Justin Timberlake u Jessica Biel bdew joħorġu flimkien fl-2007 u żżewġu fl-2012. Huma kellhom l-ewwel wild tagħhom, Silas Randall, fl-2015.